| Storja | |||||||||||||||||||||||||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
Għalkemm id-data uffiċjali tat-twaqqif tal-Banda L’Isle Adam hija s-sena 1860 kollox juri li fir-Rabat tal-Imdina ħafna qabel din is-sena kienet teżisti Banda għalkemm fuq skala iżgħar. L-ewwel referenza li għandna ta’ din il-Banda tmur lura għas-sena 1800. Fejn fir-Rabat insibu li kienet diġa teżisti Banda li din kienet magħrufa bħala l-Banda ta’ l-Imdina għalkemm kienet stazzjonata fir-Rabat. Insibu li f’dik is-sena, 1800, fil-Karnival saret Festa fil-Palazz tal-Gran Mastru ġewwa l-Imdina fejn din l-attivita kienet tikkonsisti f’Akkademja, Kunċert u Ballu. Il-Banda ħadet sehem f’din l-okkażjoni u għal dan is-servizz tħalset is-somma ta’ ħames skudi u nofs (46c). Kienet ukoll ħadet sehem fil-Festa ta’ Corpus Domini u fl-Ottava ta’ din il-Festa u tħallset 10 skudi.
Fl-1802 il-Banda ħadet sehem fit-tiġrijiet tal-Imnarja u mill-1805 sal-1818 kienet takkumpanja l-ġurati tal-Imdina minn din il-belt sa taħt is-Saqqajja għat-tiġrijiet taż-żwiemel li jsiru kull sena f’din il-Festa. Fl-1813 it-tiġrijiet tal-bhejjem ma sarux minħabba li kien hawn il-Pesta. Din il-Banda nsibu li kienet tagħti servizzi ‘il barra mir-Rabat bħalma ġara fl-1808 fejn daqqet fil-purċissjoni bl-istatwa ta’ Sant’Antnin li saret mill-Għarb għar-Rabat.
Fl-1814 u fl-1816 din il-Banda daqqet ġewwa ż-Żurrieq għal Festa ta’ Santa Katerina. Fejn insibu miktub hekk "m’għandniex nifhmu illi fost dawn il-ħafna elementi mużikali ma kienx hemm ukoll dawk intunati u armoniċi. Tant hu hekk illi fis-snin 1814-1816 il-Prokuratur Dun Ġużepp Farrugia ma jirriferix biss għal "La Banda" fil-festa ta’ Santa Katarina iżda jgħid li din kienet il-Banda tar-Rabat aktarx predeċissura tal-Banda L’Isle Adam imwaqqfa formalment fl-1860 minn Indri’ Borg u antikament magħrufa wkoll bħala l-Banda tar-Rabat. Din il-Banda kellha fiha elementi tajbin tant illi fl-1815 wieħed bandist kien ħa ħsieb ukoll idoqq l-orgni tal-Knisja taż-Żurrieq waqt il-funzjonijiet sagri, l-prokuratur kien iħallashom bejn 12 u 15-il skud."
Ħadet sehem ukoll fil-festa tal-Vitorja fil-Mellieħa fl-1815 u tħalset tmien skudi u nofs bejn is-snin 1848-1868. Fis-sena 1835 din il-"Banda della Notabile" nsibuha tieħu sehem fil-Festa tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina. Fl-1856 din il-Banda nsibu li ħadet sehem fil-Festa ta’ San Alwiġi f’Għawdex.
".Il-Purċissjoni kienet ta’ min jiftħar biha, l-kwiet, il-ġmiel tal-Banda mal-vara ta’ San Ġużepp ta’ l-imgħallem Andrea Borg, allavolja għama, għad-direzzjoni mpossibli, kulħadd ikollu paċenzja, ma nsibulha l-ebda differenza minn banda militari...". Barra li kienet iddoqq programmi fir-Rabat nafu illi fis-sena 1865 din il-Banda ħadet sehem ukoll fil-festa ta’ San Filep Ħaż-Żebbuġ. Erbgħa snin wara, jiġifieri fis-sena 1869 dil-Banda ġiet mistiedna biex idoqq programm għal morda ta’ l-isptar tal-Moħħ f’Wied Inċita.
Biż-żmien il-Banda L’Isle Adam bdiet tkun marufgħa bħala l-Banda ta’ San Ġużepp minħabba l-fatt li l-Banda kienet u għada tagħti sehem kbir fil-Festa ta’ San Ġużepp, li tkun organiżżata mill-Arċikonfraternita tal-istess Qaddis kull sena fid-19 ta’ Marzu b’pompa kbira bis-sehem tal-Kapitlu Metropolitan. Huwa fatt li anke minħabba li kważi l-membri kollha kienu Fratelli Professati fl-istess Fratellanza. Fl-1869 sbatax-il bandist kellhom x’igħidu bl-ikraħ mal-Kumitat tal-Banda L’Isle Adam u dawn ħassew li jkun aħjar li jiffurmaw banda oħra u fil-fatt hekk kien. Jidher biċ-ċar li kien hemm ukoll xi wħud minnhom Fratelli ta' San Ġużepp fosthom l-ewwel Surmast ta' din is-Soċjeta’, Mro. Epifanio Agius li professa bħala Fratell fl-Arċikonfraternita’ ta’ San Ġużepp fid-19 ta’ Marzu 1843 u li aktar tard sar Surmast tal-Banda L’Isle Adam għax kif jgħidu d-demm qatt ma jsir semm. Xhieda oħra kemm din il-Banda ħarġet mill-Banda L’Isle Adam hu li t-tieni sede ta’ din il-Banda kienet fi Triq Bir l-Iljun Nru 7 fil-qalba tal-Partit Ġużeppin. Kienet ukoll għal xi żmien tieħu sehem fil-festa ta’ San Ġużepp bħas-sena 1876. Il-membri ta’ din is-Soċjeta’ ħassew li kellhom ukoll jagħtu isem marbut ma’ l-istorja ta’ Malta pero’ din id-darba ħassew li għandhom jagħżlu l-perjodu Normann f’Malta u l-Banda ngħatat l-isem ta’ Banda Konti Ruġġieru bil-laqam ta’ l-Ajkla u ta’ Fuq, dan kien fl-1880 meta l-istess banda żanżnet uniformi bajda tas-Sajf u fuq il-Beritta ġabet l-arma ta’ dan il-Konti. Id-devozzjoni li kien hemm lejn San Ġużepp u s-Santwarju tiegħu kienu xiehda anke ta’ l-isem li ġie mogħti lil din l-Ewwel Banda fir-Rabat fejn l-isem magħżul kien dak ta’ l-ewwel Gran Mastru ta’ l-Ordni f’Malta jiġifieri dak ta’ L’Isle Adam li kien ġab miegħu l-istatwa antika ta’ San Ġużepp ix-Xiħ u miet fil-Kunvent tal-Patrijiet Minuri. Kif ġa għedna dan kien fl-1880 u sal-lum il-ġurnata għadda jġib l-istess isem bl-unuri kollha u matul dawn il-130 sena qatt ma ċaħdietu.
Is-Soċjeta’ bidlet ir-residenza tagħha f’diversi drabi. Bejn l-1854 u l-1857 insibu għadd tajjeb ta’ studenti li kienu jintaqaw għal lezzjonijiet tal-mużika għand Mro.Indri Borġ f’76 Triq Doni kantuniera ma Triq San Bert. Wara dan iż-żmien is-Soċjeta’ mxiet għal 22 Triq Żondadari minħabba l-bżonn ta’ iktar spazju. Wara żmien qasir bdiet topera minn tlett ikmamar fi 33 Triq Santu Wistin, minħabba l-eżiġenzi ta’ dak iż-żmien il-Banda kellha timxi għal 77 Triq San Pawl fl-1874. Dan il-bini llum huwa ġdid imma jidher li qabel inbena kif nafuh illum kien post kbir għaliex f’dan il-każin bdew isiru programmi mużikali u ballijiet għal mogħodija taż-żmien. It-tmexxija ta’ dan il-Każin kienet taħt id-direttur Ġanni Vella ta’ Xmun. Iżda fl-1884 kellha terġa timxi l-isfel fl-istess Triq, f’numru 89 dejjem biex tikseb sede aktar spazjuża. Il-Membri kellhom il-kmamar t’isfel biss u fi ftit żmien sar ftehim bejn il-Banda u l-Każin biex tinkera d-dar kollha u marru flimkien. F’dan il-każin bdew jorganiżżaw is-sistema tat-tmexxija billi ġie ffurmat Kumitat wieħed bejn il-Banda u l-Każin. Fid-9 ta’ Awwissu 1884 saret l-ewwel laqgħa Ġenerali.
Fil-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira tal-1886 indaqq għal ewwel darba l-Innu "Popule Meus" tas-Surmast Lorenzo Gatt.
Fil-Ġimgħa l-Kbira 1888 iżżanżan l-Innu "Eri Mancipio" ta’ Mro.Carmelo Camilleri.
Fl-1889 il-Banda L’Isle Adam ħadet sehem fl-Ingress Solenni tal-Isqof Pace fir-Rabat u l-Imdina.
Nhar il-Ħadd, 12 t’Ottubru 1896 saret Festa fir-Rabat sabiex tfakkar l-Għaqda ta’ Malta mal-Ingilterra. Il-Banda L’Isle Adam ħadet sehem ukoll f’din il-Festa flimkien mal-Baned Konti Ruggieru, Duke of Edinburgh, Prince of Wales u tal-King’s Own Lancaster Regiment.
Fis-17 ta’ Frar 1897 is-Sur Feliċ Vassallo ppreżenta pittura bix-xbieha tal-Gran Mastru L’Isle Adam.
Il-Ħadd 20 ta’ Ġunju 1897 il-Banda L’Isle Adam ħadet sehem fil-Festi tal-Ġublew tad-Djamanti tar-Reġina Vittoria, billi mmarċjat ma’ għadd ta’ Baned Maltin oħra f’Korteo li sar ġewwa l-Belt Valletta, kif ukoll għamlet programm fil-Furjana.
It-tieni safra li għamlet il-Banda L’Isle Adam kienet proprju ġewwa Sirakuża f’Awwissu 1897 dan sar wara li s-Soċjeta’ Filarmonika L’Isle Adam (għax hekk kien jisimha l-Banda tagħna dak iż-żmien) ġiet mistiedna biex tmur iddoqq ġewwa din il-Belt fis-Sqallija, l-Bandisti u l-membri laqgħu bil-ferħ din l-istedina. F’Sirakuża l-Banda ġiet milqugħa mis-Sindku u mill-Banda Muniċipali. Il-Banda esegwiet diversi marċi tul it-toroq ta’ Sirakuża iżda fuq kollox il-qofol kien Programm Mużikali li l-Banda tellet quddiem folol kbar ta’ nies u li kien ta’ suċċess kbir. Il-Banda kienet taħt id-Direzzjoni tas-Surmast Geatano Grech. Wieħed għandu jikkunsidra li f’dawk iż-żminijiet l-uniku mezz ta’ transport kien biss bil-baħar iżda l-Ewwel Banda Rabtija wetqet żewġ safriet f’temp ta’ sentejn.
Fl-20 t’Awwissu 1899 seħħet parti mportanti fl-istorja ta’ din il-Banda billi waqt seduta Ġenerali l-Banda u t-tmexxija tal-Każin bdew jiġu amministrati taħt Kumitat wieħed, bin-Nobbli Ignazio dei Marchesi Testaferrata Bonnici jinħatar Patrun tas-Soċjeta’.
Fl-1900, il-Banda bdiet dan is-seklu ġdid bil-kbir għax għal Festa ta’ San Ġużepp iżżanżan l-"Inno San Giuseppe" tas-Surmast Carmelo Spiteri li mexxa l-Banda bejn l-1879 u l-1880 dan inkiteb għall-okkażjoni tal-40 anniversarju mit-twaqqif tal-Banda. Dan l-Innu llum hu magħruf magħna l-Ġużeppini Rabtin bħala "Insellmulek".
Fit-22 ta’ Settembru 1901 il-Banda L’Isle Adam ħadet sehem fl-inawgurazzjoni tal-Monument ta’ Kristu Salvatur b’tifkira tal-bidu tas-seklu l-ġdid f’Tal-Virtu r-Rabat.
Fl-1901 ħadet sehem fiż-żjara li għamlu d-Duka u d-Dukessa ta’ York f’Malta u fil-Festi tal-Inkurunazzjoni tar-Re Dwardu fl-1902.
Fl-1904 ħabat il-50 sena minn meta l-Papa Piju IX idefinixxa d-Domma tal-Immakulata. Il-Banda L’Isle Adam ħadet sehem fil-Festa tal-Kunċizzjoni li ssir fil-Kappella tagħha f’Wied Gerżuma limiti tar-Rabat.
Fis-26 ta’ Marzu 1905 il-Banda ħadet sehem f’ "serata d’onore" ad unur s-Surmast Paolino Vassallo, ġewwa t-Teatru Rjal fil-Belt Valletta. Hawn hekk il-Banda L’Isle Adam ġiet ppreżentata bħala l-Banda Anzjana fost il-Baned Maltin.
Għall-Imnarja 1905 l-Għaqda Agrarja stiednet il-Banda L’Isle Adam sabiex iddoqq fil-ġonna tal-Buskett f’din il-Festa tradizzjonali. Din l-istedina saret b’ittra li kienet intbagħtet fl-11 ta’ Ġunju tal-istess sena. Fil-fuljett maħruġ mill-istess għaqda għal istess okkażjoni l-Banda L’Isle Adam ġiet ppreżentata hekk "The National Banda L’Isle Adam of Notabile will attend". Dan juri li l-Banda L’Isle Adam minn dejjem kienet l-ewlenija mhux biss fir-Rabat iżda f’Malta kollha.
Fil-Festa ta’ San Ġużepp tal-1906 ġiet imżanżna uniformi ġdida u lussuża li tixraq lill-ewwel Banda Rabtija. Din l-uniformi kienet magħmula minn drapp oħxon qisu pannu bil-galjuni tad-deheb. Xi eżempji ta’ din l-uniformi għadhom jistaw jitgawdew f’Palazzo Xara. Fit-12 ta’ Mejju 1906 is-Sur Salv. Sant Manduca li kien segretarju, f’isem is-Soċjeta’ bagħat jitlob lil Fra Galeazzo di Thun e Hohenstein, Gran Mastru ta’ l-Ordni f’Ruma biex il-Banda tikseb il-kbir unur u privileġġ li titqiegħed taħt il-Patroċinju tiegħu. Dan il-Gran Mastru bagħat iwieġeb b’sogħba illi, li biex jimxi bħal ta’ qablu, ma jieħdux sehem ma’ l-ebda soċjeta’, ma’ setgħax jilqa’ t-talba. Ma' dan kollu, kompla jgħid, li fih kien iħoss interess u simpatija lejn din il-magħrufa soċjeta’ li hija magħquda mat-tifkiriet qodma ta’ l-Ordni. Meta ġie Malta dan il-personaġġ għamel żjara lill-Każin ma’ Mons. Alfredo Mifsud D.D.
F’Diċembru 1907 żaru Malta d-Duka u d-Dukesssa ta’ Conaught u l-Banda reġgħet tat is-sehem tagħha bħal drabi oħra.
Fl-26 ta’ Jannar 1912 waqt iż-żjara tar-Re Ġorġ V u r-Reġina Maria l-Banda daqqet fil-ġonna tal-Buskett fuq ix-xewqa tal-Gvernatur ta’ Malta u l-istess Re preżenta standard bl-istemma tal-Gran Mastru L’Isle Adam. Dan kien rigal ta’ Mons. Kan. Kapitulari d-Dekan Vinċenz Vassallo, li kien benefattur u ammiratur kbir tal-istess Banda. Dan għadu kkonservat ġo kaxxa tal-ħġieġ fis-Sala tal-Kunċerti ġewwa Palazzo Xara.
Fil-Kunċert tal-Imnarja 1912, il-mużika li ndaqqet dak inhar kienet mużika maltija biss. Is-Siltiet kienu "Agnesi Visconti 1 & 2" ta’ Anton Nani, "Cordelia" ta’ Vinċenzo Bugeja u “"Lord Grenfell"”li kienet kompożizzjoni tas-Surmast Antonio Micallef li dderieġa l-istess programm.
Bejn it-23 u 27 ta' April tal-1913 f’Malta sar l-24 Kungress Ewkaristiku u l-Banda kellha sehem attiv ħafna.
Fit-13 ta’ Jannar 1918, inħatar bħala President tas-Soċjeta’ l-Avukat Dr.Dunstan George Bellanti, L.L.D.
F’Marzu 1920 kienu saru Festi kbar organizzati mill-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp biex ifakkru l-50 sena minn meta l-Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali. Fil-14, 15 u 16 ta’ Marzu filgħaxija saru diversi marċijiet mill-Banda L’Isle Adam. Lejlet il-Festa fit-18 ta’ Marzu f’nofs in-nhar il-Banda L’Isle Adam għamlet marċ kbir u brijuż mat-toroq prinċipali tar-Rabat. Nhar l-Festa l-Banda tat sehemha flimkien ma’ diversi Baned minn Malta kollha. Fid-19 ta’ Marzu żar il-Każin l-Isqof ta’ Malta Mauro Caruana wara li kkonċelebra Pontifikal Solenni fis-Solennita ta’ San Ġużepp.
F’Novembru 1921 żar Malta l-Prinċep ta’ Wales fejn waqt iż-żjara tiegħu nawgura l-ewwel Parlament Malti ġewwa l-Palazz tal-Gvernatur fil-Belt Valletta. Waqt l-istess żjara l-Prinċep żar l-Imdina fejn kien milqugħ mill-Banda L’Isle Adam li għall-okkażjoni żanżnet Bandalora Ġdida.
Meta s-Sede uffiċjali tal-Banda L’Isle Adam kienet għada f’numru 33 Triq Santu Wistin, kien hemm ġnien kbir u l-Kumitat ddeċieda li jinbena teatru fuq il-pjanta tal-Perit Rabti Carmelo Micallef. Ix-xogħol tmexxa’ mill-istess perit Micallef, li wara laħaq Segretarju u mill-membru tal-Kumitat is-Sur Carmelo Agius (missier il-Perit Joe Agius Bonello). It-Teatru Astoria kien inawgurat fl-1927 fih kienu jsiru rapreżentazzjonijiet mill-Kumpanija Teatrali "Vittorio Alfieri" mwaqqfa fl-1925, mill-"Istage Comandos" u oħrajn. Din il-kumpanija Teatrali kienet waħda serja u rinomata ħafna u kienet ittella’ ħafna drammi kbar. Wieħed mill-membri ta’ din il-kumpanija Teatrali kien ħadd ħlief l-iskultur Nazzjonali Prof. Anton Agius.
Fit-13 ta’ Jannar 1929 inħatar President tas-Soċjeta’ l-Avukat Salvatore Schembri L.L.D., li aktar tard inħatar Imħallef fil-Qrati Maltin.
Fl-1930 il-libsa tal-istatwa ta’ San Ġużepp ġiet sgraffita u ndurata mill-induratur Ġużeppi Farrugia u d-dekoratur Mikiel Fsadni. Dan ix-xogħol, uniku f’Malta sar minn dawn iż-żewġ membri tas-Soċjeta’. Meta tlestiet fid-9 ta’ Marzu l-istess statwa kienet imwassla b’dimostrazzjoni kbira mill-Knisja ta’ Santu Wistin, għal Knisja Ta’ Ġieżu fejn akkumpanjat l-Banda L’Isle Adam.
Fl-1934 iżżanżnet pittura kbira tal-Gran Mastru L’Isle Adam, xogħol tal-pittur Antonio Caruana.
F’Mejju 1935 is-Soċjeta’ u l-Banda ħadu sehem fil-Ġublew tal-Fidda tal-Majesta tagħhom ir-Re Ġorġ V u r-Reġina Marija, bi Programm mużikali fi Pjazza Saqqajja nhar il-11 ta’ Mejju u f’Ġunju laqgħet lil Kardinal Lepicier O.S.M.
Fl-10 ta’ Diċembru 1935 is-Soċjeta’ rċiviet ittra Uffiċjali mill-Gran Mastru tal-Ordni Sovran Militari ta’ San Ġwann ġewwa Ruma, Fra Lodovico Chigo Albani fejn għarraf lill-Kumitat li huwa aċċetta li jkun Patrun tas-Soċjeta. Ikkonferma wkoll li l-Ordni tiegħu aċċettat u rratifikat li l-Banda tagħna jġib l-isem glorjuz tal-Gran Mastru L’Isle Adam, hu wkoll feraħ lil Banda f’għeluq il-75 sena mit-twaqqif uffiċjali tagħha.
Għal Festa ta’ San Ġużepp 1937 il-Banda L’Isle Adam kienet diretta għall-ewwel darba minn Mro.Ġużeppi Stivala wara li s-Surmast Salvatore Mallia ma setax ikompli jmexxi l-Banda minħabba saħħtu.
Għal Festa tad-19 ta’ Marzu 1938 il-Banda L’Isle Adam żanżnet l-Innu Immortali "Lil Ġużeppi ejjew faħħru" ta’ Mro.Carlo Diacono fuq il-versi ta’ Profs. Anastasio Cuschieri O.Carm.
Fil-21 u 22 ta’ Mejju 1944 il-Banda L’Isle Adam ħadet sehem fl-Ingress Solenni ta’ Mons. Mikiel Gonzi bħala Arċisqof ta’ Malta. Fil-21 ta’ Mejju l-Banda L’Isle Adam laqgħet lil Mons. Arċisqof kif wasal fuq is-Saqqajja u waslitu sal-Kunvent ta’ San Duminku. L-għada qabel Mons Gonzi daħal fil-Katidral tal-Imdina l-Banda selmitlu bid-daqq tal-Innu tal-Papa u filgħaxija għamlet programm mużikali fuq is-Saqqajja.
Wara 59 sena f’33 Triq Santu Wistin post aħjar kien misjub faċċata tal-Knisja Ta’ Ġieżu’:"Palazzo Castelletti". F’dan il-Palazz kienu jiltaqgħu l-Ġenerali tal-Maltin fiż-żmien l-Imblokk tal-Franċiżi. Dan il-Palazz fuq sular wieħed kien inawgurat bħala l-Każin tal-Banda L’Isle Adam fil-11 ta’ Marzu 1945 fejn kienu mistiednin bosta persuni illustri.
Il-Banda L’Isle Adam ħadet sehem fil-Festi tal-Inkoronazzjoni tal-Madonna tas-Saħħa li saru bejn l-31 ta’ Marzu u t-12 t’April 1948 fir-Rabat.
F’Mejju 1949 ġie maħtur President tas-Soċjeta’ l-Wisq Nobbli Kav. Alexander Dei Marchesi Apap Bologna.
Fis-16 ta’ Novembru 1950 għamel żjara uffiċjali fil-Każin il-Gvernatur ta’ Malta Sir Gerald Creasy u s-Sinjura tiegħu.
Id-9 ta’ Ġunju 1951 hija data mportanti ferm fl-istorja tal-Banda L’Isle Adam dan għas-sempliċi fatt li dan kien il-jum li fih sar il-kuntratt tax-xiri ta’ Palazzo Xara. Kienet ilha tikber ix-xewqa li jinxtara dan il-Palazz. Bit-tħabrik tal-President il-Wisq Nobbli Kavallier Alexander Dei Marchesi Apap Bologna flimkien mal-Kumitat waslu f’arranġament mas-sid tal-bini li kien is-Sur Barbaro Zimmerman minn Tas-Sliema sabiex dan il-bini jsir propjeta tal-Banda L’Isle Adam. F’dak iż-żmien f’dan il-bini kienu joqogħdu l-familja Ciappara u s-Sinjura Yolanda Camilleri u ħuha Dr.Joe Mifsud Bonnici. Il-familja Ciappara ġiet offruta dar f’Triq San Ġużepp b’arranġament mal-Fratellanza ta’ San Ġużepp. Il-Kuntratt sar is-Sibt 9 ta’ Ġunju 1951 quddiem in-Nutar Ġużeppi Sammut LL.D. Mill-ewwel beda x-xogħol fuq dan il-Palazz, l-ewwel biċċa xogħol kienet li jinfetaħ il-pjan terran fejn illum insibu l-Bottegin u ssir sala tal-kunċerti għal banda. Jidher li ma kinitx biċċa xogħol faċli sabiex saru dawn l-alterazjonijiet u llum nistaw ngawdu dak l-ispazju kbir, iżda kienu ħafna dawk il-membri li meddew għonqhom għax-xogħol li sar taħt id-direzzjoni tal-Perit Anthony Vassallo u l-imgħallem Furtun Vassallo li tassew kellhom biċċa xogħol ta’ responsabilita’. Barra minn dan, il-ġnien ġie mħammel, mogħti l-konkos u mibdul f’bitħa kbira. Ix-xogħol tmexxa’ minn Patist Zahra membru tal-kumitat, biex fiha jkunu jistaw isiru attivitajiet soċjali. Saru sagrifiċji kbar mis-soċi u l-Bandisti biex jitħallsu l-ispejjes u jsir ix-xogħol. Sar it-tqegħid tal-madum, zukklatura u taraġ tal-irħam minn barra tiswijiet, tibjied u żebgħa. Iz-zukklatur tal-irħam ġew imħallsa mill-benefattur is-Sur Ġużeppi Genovese u l-irħam tat-taraġ inġabar mill-kontribuzzjonijiet tal-membri.
Fl-4 ta’ Mejju 1954 il-Banda L’Isle Adam ħadet sehem fiż-żjara Irjali li l-Maesta Tagħha r-Reġina Eliżabetta II għamlet f’Malta fejn il-Banda L’Isle Adam selmitilha waqt li kienet qedgħa jżur il-Belt tal-Imdina taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Anton Muscat Azzopardi. Dak inhar in-Nobbli Marlene Apap Bologna bint il-President tas-Soċjeta L’Isle Adam preżentat bukkett fjuri lill-Maesta’ Tagħha f’isem il-Każin u l-Banda L’Isle Adam. Għal din l-okkażjoni ntramaw, it-trofej li jintramaw fil-Festa ta’ San Ġużepp fit-Triq San Ġużepp, kif ukoll l-Ark Trionfali ftit il-fuq mill-Monasteru ta’ San Pietru.
Fil-11 ta’ Ġunju 1955 għamel żjara lill-Każin il-Gvernatur ta’ Malta Major-General Sir Robert Laycock u s-Sinjura tiegħu.
Fl-1960 kien jaħbat l-Ewwel Ċentinarju mit-twaqqif tal-ewwel Banda Rabtija. F’din is-sena ġew organiżżati Festi Ċentinarji kbar bejn id-19 ta’ Ġunju u d-9 ta’ Lulju 1960. Fid-19 ta’ Ġunju saret Quddiesa ta’ Radd il-ħajr fil-bitħa spazjuza ta’ Palazzo Xara mill-E.T. Mons. Arċisqof Mikiel Gonzi għall-Membri u l-Bandisti, fl-aħħar tkanta Te Deum Solenni b’radd il-ħajr lil Alla ta’ dawn il-100 sena. Wara l-quddiesa l-istess Arċisqof inawgura u bierek l-Intrata l-Ġdida tal-Każin.
Fl-1960 kien jaħbat ukoll id-19-il mitt sena minn Nawfraġju ta’ San Pawl u l-Banda tat is-sehem tagħha fiċ-ċelebrazjonijiet Kbar li kienu saru, fejn fis-7 ta’ Lulju għamlet marċ kbir ma’ tul it-toroq tar-Rabat u wara programm Mużikali fil-Pjazza tal-Parroċċa fuq il-Palk tal-Konti Ruġġieru fejn il-Banda kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Anton Muscat Azzopardi. Fl-10 ta’ Lulju l-Banda laqgħet l-Ikona ta’ San Pawl fuq is-Saqqajja hekk kif kienet qed tiġi trasportata lejn il-Belt Valletta.
Fid-29 ta’ Ġunju 1967 żar il-Każin, l-Eminenza Tiegħu l-Kardinal Ildebrado Antoniutti flimkien mal-E.T. Mons. Mikiel Gonzi, l-E.T. l-Isqfijiet Galea u Gerada u l-Kapitlu Metropolitan, fl-okkażjoni tal-1900 sena mill-martirju tal-Appostli San Pietru u San Pawl.
Fl-1971 l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp iċċelebrat l-Ewwel Ċentinarju minn meta il-Q.T. il-Papa Piju IX iddikjara lil San Ġużepp bħala Patrun Universali u Protettur tal-Knisja Mqaddsa. Għal din is-sena ġie mfassal programm ta’ ċelebrazzjonijiet speċjali li l-qofol tagħhom intlaħaq bejn is-7 u 19 ta’ Marzu 1971.
Fis-17 ta’ Marzu għamlet marċ kbir bl-istatwa tal-Papa Piju IX. Nhar il-Festa filgħodu laqgħet lill-Kapitlu Metropolitan u fis-1.00 pm għamlet il-marċ popolari u tradizzjonali ta’ nhar il-Festa.
F’Ġunju tal-1975 ġie ċċellebrat il-Ġublew tal-Fidda mill-Konsagrazzjoni tal-Banda L’Isle Adam lill-Qalb ta’ Ġesu’ u lill-Qalb ta’ Marija. Kien ġie organiżżat programm sħiħ ta’ Festi Speċjali. Il-Ħamis 12 ta’ Ġunju saret Akkademja Mużiko-Letterarja taħt il-Presidenza tal-E.T. Mons. Ġ. Mercieca (dak iż-żmien Vigarju Ġenerali). Is-Sibt 14 ta’ Ġunju sar Programm Vokali u Strumentali fil-bitħa tal-Każin, bis-sehem tal-Banda L’Isle Adam imexxija minn Mro.Anton Muscat Azzopardi bis-sehem tal-Kor "Francis of Assisi" jmexxi minn Patri Silvestru Carmel Magro OFM (illum Isqof ta’ Benghazi fil-Libja) il-Kor "Pax Christi" tal-Parroċċa tal-Għargħur imexxi minn Dun Karm Bezzina, s-Sopran Hilda Mallia Tabone u t-Tenur Andrew Sapiano. L-Għada 15 ta’ Ġunju saret Quddiesa solenni fl-istess bitħa mmexxija mill-E.T. Mons Arċisqof Mikiel Gonzi flimkien mal-Provinċjal Patri Ivo Tonna OFM, Dun Pawl Attard (ex Arċipriet tar-Rabat), il-Wisq Reverendi Patrijiet Franġiskani Minuri, s-Superjuri tal-Kunventi tar-Rabat u l-Imdina, Kanonċi tal-Kolleġġjata tar-Rabat u Saċerdoti oħra Rabtin. Fit-Tmiem sar il-qari tal-Att tal-Konsagrazzjoni ġie ntunat Te Deum Solenni bħala Ringrazzjament tal-25 sena li kienu għaddew u saret ċelebrazzjoni Ewkaristika. L-għada 16 ta’ Ġunju saret quddiesa "De Requiem" fis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp Inkurunat ċelebrata mir-Rev. Carmelo Barbara Kappillan tas-Soċjeta’ għar-ruħ il-bandisti soċi, benefatturi u qrabathom. Kienu ġew stampati ktejjeb għall-okkażjoni u ġiet regalata pittura mill-isbaħ li turi lil Sidna Ġesu’ Kristu jipproteġi Palazzo Xara, xogħol tal-Pittur Karmenu Azzopardi.
Fit-3 t’Ottubru 1977 għamel żjara lil Palazzo Xara l-Kardinal Ferdinando Giuseppe Antonelli O.F.M. u l-Isqof ta’ Benghazi fl-okkażjoni tal-Festi Ċentinarji fl-għeluq il-750 sena mill-mewt tas-Serafiku Patrijarka San Franġisk t’Assisi.
Fid-18 ta’ Marzu 1979, lejlet is-Solennita ta’ San Ġużepp għamel żjara f’Palazzo Xara l-E.T. Anton Buttiġieġ u s-sinjura. Huma ġew milqugħa mill-Kumitat u l-Banda L’Isle Adam fejn indaqq l-Innu Malti.
Wara l-mewt għal għarrieda tal-Wisq Nobbli Kavallier Alexander dei Marchesi Apap Bologna f’Jannar 1981 inħatar bħala President tas-Soċjeta’ s-Sur Ġużeppi Micallef.
Fl-5 ta’ Awwissu 1981 ingħaqdu għall-ewwel darba soċi nisa fi ħdan l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam.
Fl-1982 il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Kultura organiżża għall-ewwel darba l-Konkors tal-Baned. Il-Banda L’Isle Adam kienet ħadet sehem f’dan il-Konkors flimkien ma’ 5 baned oħra li kienu San Mikiel ta’ Ħaż-Żabbar, il-Banda Żejtun , Prince of Wales tal-Birgu, La Stella tal-Gudja u Annunzjata ta’ Ħal-Tarxien. L-eseguzzjoni tal-Banda L’Isle Adam kienet fit-tieni jum ta’ dan il-konkors iġifieri fl-11 ta’ Diċembru 1982. Il-Banda daqqet dawn is-siltiet: "A Symphonic Portrait" - G. Gershwin, "Argyria" - Philip Gatt u "Inno al Sole" - Pietro Mascagni. L-għada 12 ta’ Diċembru l-Banda L’Isle Adam tar-Rabat tal-Imdina ġiet dikjarata "L-ewwel Banda tar-Reppublika ta' Malta".“Il-Banda L’Isle Adam bħala premju ġiet mogħtija trofew u Lm 300 fi flus u ingħata ċertifikat lil Bandisti kollha li dan ġie preżentat mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin u Kultura in-Nutar Alex Sciberras Trigona nhar il-Ħadd 10 t’April 1983.
Fl-1983 il-Kumitat iddeċieda li parti mill-bitħa tant spazjuża tinbena sala għal użu tal-Każin u tal-Banda. Ix-xogħol inbeda fis-10 ta’ Lulju 1983 fuq il-pjanta tal-Perit Joe Agius Bonello. L-istess Perit idderiġa x-xogħol ta’ din is-sala li ġiet imlaqma "s-Sala tal-Mirakli"..Dan għaliex sala ta’ dan il-kobor inbniet fiż-żmien ta’ kważi ħames xhur. Ix-xogħol kollu sar minn diversi membri tas-Soċjeta’ ‘Gratis’ wara l-ħin tax-xogħol u f’xi ġranet kienu jdumu jaħdmu wara l-ħdax ta’ bil-lejl. Il-madum “Perlato’ nħadem ukoll fil-każin minn diversi membri u t-tqegħid tiegħu sar minn żewġ membri anzjani mejjuna minn xi soċi oħra. L-Għaqda Nisa L’Isle Adam ħalset għal materjal tal-madum kemm tas-sala kif ukoll tat-terrazzin. L-elettriku, plumbing u xogħolijiet oħra saru wkoll mill-membri. Id-dekorazzjoni tas-saqaf saret fl-‘Stucco’ taħt id-direzzjoni tas-Surmast Anton Agius N.N.D. Il-forom ta’ dan is-suffett sar minn ħuh is-Sur Michael Agius mejjun minn diversi membri. Il-pittura tal-Intrata saret mis-Sur Carmelo Azzopardi. F’Diċembru tal-1983 jiġifieri ħames xhur biss wara li kien beda dan ix-xogħol tas-sala, saret ikla kbira li għalija attendew 286 ruħ.
L-1985 hija sena glorjuża oħra fl-istorja tal-Banda L’Isle Adam, f’din is-sena ġie mfakkar b’festi kbar il-125 Anniversarju mit-twaqqif tal-Banda Dekana L’Isle Adam. Kienet sena ta’ festi mifruxa mill-21 ta’ Jannar sal-29 ta’ Diċembru. Għal Festa ta’ San Ġużepp sar konkors Nazzjonali ta’ Marċi. Għalih daħlu 10 parteċipanti u r-rebbieħa kienu "Patrijarka" t’Angelo Pace; "Aries" ta’ Francis Falzon; "San Ġużepp" ta’ Francis Mercieca; u "Villiers" ta’ John J. Pace.
Fl-1 ta’ Mejju 1985 saret quddiesa ta’ Radd il-Ħajr l-Alla, Konċelebrata Solennement mill-W.R.P. Guido Schembri Provinċjal tal-Patrijiet Minuri, fil-Knisja Santa Marija ta’ Ġesu’ r- Rabat. F’din il-quddiesa ndaqqet għall-ewwel darba mill-Banda "Messa in Celeste Gloria" ta’ Giustino Bovensi O.F.M. b’arranġament ta’ Mro. Joseph Galea. Mal-Banda ħadu sehem il-Kor "Francis of Assisi" t-Tenur Andrew Sapiano, u l-Baxx Joe Vella Bondin. Kienet esposta wkoll il-Vara ta’ San Ġużepp Inkurunat.
Il-Ħamis 27 ta’ Ġunju kien Jum it-Tifkira fejn fit-8.00 p.m. sar marċ mill-Banda L’Isle Adam, minn Pjazza L’Isle Adam sa l-bieb Prinċipali ta’ Palazzo Xara fit-Triq San Pawl. Wara l-President Joe Agius Bonello għamel diskors ta’ merħba u wara l-E.T. is-Sinjorina Agatha Barbara, President tar-Repubblika kixfet irħama komemorattiva u ġiet imbierka mill-E.T. Mons. Ġużeppi Mercieca. Wara sar riċeviment għas-soċi u l-mistidnin preżenti.
Ġimagħtejn biss qabel l-għeluq ta’ dawn il-festi kbar il-Banda L’Isle Adam reġgħet għal darba oħra ġiet ikklasifikata fl-ewwel post fil-Festival tal-Baned Maltin ġewwa t-Teatru Nazzjonali Manoel fil-Belt Valletta fil-15 ta’ Diċembru nistgħu ngħidu li dan l-avveniment Inkuruna din is-sena glorjuża fl-istorja tal-ewwel Banda Rabtija.
Fl-1988 ġie mfakkar il-Ġublew tal-Fidda mill-Inkurunazzjoni Solenni tal-Istatwa Antika ta’ San Ġużepp. F’dawn il-Festi l-Banda L’Isle Adam reġa’ kellha sehem kbir. L-ewwel sehem kien miż-Żgħażagħ tal-Banda L’Isle Adam fil-Korteo tat-tfal il-Ħamis 10 ta’ Marzu. Il-Ġimgħa 11 ta’ Marzu l-Banda L’Isle Adam bil-kollaborazzjoni tal-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp telgħet Lejla Mużiko-Letteralja fil-Knisja Ta’ Ġieżu li kienet taħt il-Patroċinju tal-W.R. Patri Provinċjal Ġużepp Benedit Xuereb li fiha ndaqq l-Innu l-Kbir fuq il-Versi tal-Avukat Ġorġ Żammit u mużika ta’ Mro. Anton Muscat Azzopardi.
Fiż-żjara li l-Qdusija Tiegħu l-Papa Ġwanni Pawlu II għamel ġewwa Malta, l-Banda L’Isle Adam tagħat sehem kbir f’din iż-żjara. Il-Ħadd 27 ta’ Mejju 1990 kienet ukoll ġurnata storika għal Banda L’Isle Adam. Dak inhar il-Banda daqqet jew aħjar selmet lil Q.T il-Papa Ġwanni Pawlu II tlett darbiet, l-ewwel permezz tal-Banda taż-Żgħażagħ fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, fil-laqgħa li l-Papa kellu maż-żgħażagħ; wara ħdejn il-Bieb tal-Kolleġġjata ta’ San Pawl ir-Rabat flimkien mal-Banda Konti Ruġġieru u wara nofsinhar fil-Pjazza ta’ quddiem il-Katidral ta’ l-Imdina.
Fl-1991 il-Fergħa Nisa fi ħdan il-Għaqda Mużikali L’Isle Adam għalqet għaxar snin mit-twaqqif tagħha fl-1981. Għal dan l-anniversarju l-Fergħa nisa ħadet ħsieb li t-tellgħa Programm Mużikali fil-bitħa tal-Każin nhar il-5 t’ Awwissu. Propju għaxar snin eżatti minn meta ngħaqdu għall-ewwel darba soċi nisa mal-Għaqda Mużikali L’Isle Adam.
Nhar is-Sibt 11 ta’Marzu 1995, l-E.T. Dr.Ugo Mifsud Bonnici għamel żjara lill-Każin tal-Banda L’Isle Adam, Palazzo Xara, fejn inawgura rħama li tikkomemora s-Surmastrijiet li mexxew il-Banda L’Isle Adam matul iż-żmien.
Sena oħra mnaqqxa b’ittri ta’ deheb hija l-1997 li fiha ġie organiżżat is-VII Simposju Internazzjonali dwar San Ġużepp f’Malta, organiżżat mill-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp mit-22 sat-28 ta’ Settembru 1997.
F’1998 kien jaħbat il-200 anniversarju minn meta il-Maltin qamu kontra l-Ħakkiema tal-Franċiżi. Il-Banda L’Isle Adam ukoll fakkret dan l-anniversarju hekk importanti. Fejn fl-1 ta’ Settembru għamlet marċ tul Triq San Pawl fejn wara waqfet fit-Triq San Ġużepp fejn inkixfet Irħama li tfakkar lin-Nutar Emmanuel Vitale u wara kompliet b’marċ sas-Saqqajja fejn tpoġġew kuruni tar-rand f’riġlejn in-niċċa ta’ San Pawl fl-istess Pjazza. L-għada t-2 ta’ Settembru kien il-jum propju tal-qawmien tal-Maltin u dak inhar sar programm Vokali u Strumentali mill-Banda L’Isle Adam fil-Bitħa tal-Palazz Vilhena fl-Imdina li kien taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta l-E.T, Dr. Ugo Mifsud Bonnici.
Il-bidu tal-Millenju l-ġdid il-Banda L’Isle Adam iċċelebrat bil-kbir dan l-avveniment. Bla ebda dubju l-akbar avveniment fil-bidu tal-Millenju kienet il-Mawra storika li l-Banda L’Isle Adam għamlet ġewwa l-Art Imqaddsa f’Settembru tal-istess sena. Kontinġent ta’ 120 persuna akkumpanjati mill-Banda Dekana u Ċittadina L’Isle Adam ħallew il-gżejjer Maltin.
F’Nazaret il-banda tat l-ewwel servizz tagħha, fejn daqqet mal-ġenb tal-Bażilika ta’ l-Annunzjata tħares lejn il-Bażilika ta’ San Gużepp. Żjara kommoventi kienet meta marru d-Dar tas-Sagra Familja fost il-kant ta’ l-innu ‘Lil Gużeppi Ejjew Faħħru’.
Fit-tieni żjara li il-Q.T. il-Papa Ġwanni Pawlu II għamel f’Malta biex jibbeatifika l-ewwel tlett Beati Maltin, il-Banda L’Isle Adam tagħat it-tislima tagħha lil dan il-Papa t-Tlieta 8 ta’ Mejju 2001 meta selmitlu quddiem il-Knisja Santa Marija ta’ Ġieżu’.
Fid-29 ta’ Settembru 2001 il-Banda għamlet għal ewwel darba il-Kunċert "Jum ir-Rabat" organiżżat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat, ġewwa l-Awditorium ta’ Sant’Agata. Dan il-Kunċert issir kull sentejn mill-Banda L’Isle Adam fl-istess post.
Fil-Festa ta’ San Ġużepp 2005, li saret fis-17 t’April minħabba l-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa, l-E.T. Dr. Edward Fenech Adami għamel l-ewwel żjara tiegħu f’Palazzo Xara.
Il-Kunċert tal-Imnarja tal-2005 żgur li se jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aqwa programm li qatt sar mill-Banda L’Isle Adam. F’dan il-kunċert ġie inawgurat il-planċier tas-Soċjeta’ wara li sarlu restawr estensiv mill-kumpanija "Queen’s Furniture Ltd.". F’dan il-Programm apparti s-sehem tal-Banda L’Isle Adam ħa sehem ukoll il-Kor "Amadeus Chamber Choir" li kien immexxi minn Mro. Brian Cefai. Dan il-kor ħa sehem fil-parti Vokali ta’ dan il-kunċert fejn fost oħrajn għamlu l-kor mill-opri ta’ Verdi Nabucco, l-famuża "Va Pensiero" li għaxqet is-Saqqajja. Indaqqet ukoll l-għanja ta’ Carmelo Pace "L-Imnarja" li ntlaqtet tajjeb minn kulħadd. Fejn tidħol il-Banda l-aktar żewġ biċċiet li spikkaw kienu l-overture "William Tell" ta’ G. Rossini u l-concert overture "1812" ta’ P.I. Tchaikovsky. Indaqqu wkoll selezzjoni minn "Andrea Chenier", soundtrack mill-film "The Mask of Zorro" u suite li jġib l-isem "L-Imnarja 2005" miktuba minn Mro. J. Galea għall-okkażjoni. Il-Ħadd 17 ta’ Settembru 2006 saret l-ewwel laqgħa li fiha twaqqfet is-Sezzjoni Żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam tar-Rabat tal-Imdina.
Fil-Festa Solenni tal-Patrijarka San Ġużepp 2007 il-Każin kellu żewġ żjarat importanti. Dawn kienu tal-E.T. Mons. Mario Grech Isqof t’Għawdex fit-18 ta’ Marzu u ta’ l-E.T. Mons. Pawlu Cremona Arċisqof ta’ Malta fid-19 ta’ Marzu. Iż-żjara ta’ Mons. Grech saret wara li l-istess Isqof ikkonċelebra quddiesa solenni bil-kant tat-Te Deum. L-istess Isqof ġie milqugħ bid-daqq tal-Innu Pontifiċju u wara żar Palazzo Xara u ngħata riċeviment ad unur tiegħu.
L-1 t’April 2007, jum Ħadd il-Palm iżżanżnet l-Kantata "It-Triq tas-Salib" kompożizzjoni ta’ Mro.Joseph Galea miktuba fl-okkażjoni sabiħa ta’ l-egħluq l-20 anniversarju kemm ilu direttur tal-Banda L’Isle Adam. Din ġiet esegwita ġewwa l-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu’ waqt Lejla ta’ Mużika Sagra li ssir ta’ kull sena mill-Banda L’Isle Adam fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Din il-Kantata għanda kliem ta’ żewġ Patrijiet Franġiskani Fr.Marċello Ghirlando u Fr.Raymond Camilleri. Flimkien mal-Banda ħadu sehem it-Tenur Joseph Aquilina, l-Baritonu Anthony Montebello, l-Kor Santa Monika mexxi minn Sr. Benjamina Portelli OSA u n-narraturi s-Sur Tonio Farruġia u s-Sinjorina Marika Vassallo.
Il-Kunċert Annwali tal-Imnarja 2007 se jibqa’ mniżel fl-istorja għaliex għal ewwel darba kemm ilu jsir, fih ħadu sehem żewġ baned, jiġifieri r-"Rivierenland Fanfare Orkest" mill-Olanda fl-ewwel parti u l-Banda L’Isle Adam fit-tieni parti. Maż-żewġ baned ħadu sehem is-Sopran Karen Camilleri u l-Baritonu Alfred Camilleri fejn ħadu sehem f’siltiet vokali. Wara sar marċ miż-żewġ baned sa Palazzo Xara fejn sar riċeviment tal-okkażjoni.
F’Marzu 2009 l-Arċikonfraternita ta’ San Gużepp iċċelebrat l-500 sena minn meta l-Festa ta’ San Ġużepp bdiet tiġi ċċelebrata b’mod solenni f’Malta, fl-1509. Il-Banda L’Isle Adam kellha sehem ewlieni f’dawn il-Festi kbar, fosthom b’Kunċert Mużikali bit-Tema Nisġa ta’ Tifħir lil San Ġużepp fil-Knisja Ta’ Ġieżu nhar l-10 ta’ Marzu 2009. Barra dawn il-ġrajjiet li jikkonfermaw kemm din l-ewwel Banda Rabtija jġorr warajha isem glorjuz insibu wkoll bosta membri li jkomplu jgħollu l-ġieħ miksub matul iż-żmien. Fost dawn in-nies insibu bosta artisti bħal skulturi, dekoraturi u pitturi, lawrjati, Saċerdoti u familji nobbli.
Mit-twaqqif uffiċjali tagħha fl-1860 il-Banda Dekana L’Isle Adam damet għal bosta snin iddoqq fil-festi ta’ l-ibliet u l-irħula Maltin sakemm bdew jitwaqqfu l-baned f’dawn il-postijiet. Matul l-150 sena li ilha mwaqqfa uffiċjalment, il-Banda matul is-sena baqgħet tagħti servizzi f’bosta Festi barra mir-Rabat u nistgħu ngħidu li m’hawnx post f’ Malta fejn għada ma marritx iddoqq fih. Fir-Rabat tal-Imdina l-Banda tieħu sehem fil-festi ta’ Sant’Anton Abbati, taċ-Ċintura, tal-Madonna tal-Karmnu, San Franġisk u fil-Festi Prinċipali tar-Rabat tal-Imdina, San Ġużepp fid-19 ta’ Marzu, fil-Ġimgħa l-Kbira u fl-Imnarja fejn ta’ kull sena jtella’ programm mużikali Kolossali. Il-Banda L’Isle Adam matul dawn il-150 sena qatt ma sabet ruħa f’ħalq il-mewt bħal ħafna Baned oħra iżda baqgħet sejra minn suċċess għal ieħor li kollha komplew jgħollu l-ġieħ lill-ewwel banda tar-Rabtin.
Fit-3 ta' Dicembru 2009 inhatar bhala President tas-Socjeta is-Sur Massimo Azzopardi.
|