| Festa San Ġużepp | |||||
|---|---|---|---|---|---|
Fost il-festi li jiġu ċċelebrati fir-Rabat tal-Imdina wieħed ma jistax ma jsemmix il-festa tant popolari f’dawn il-gżejjer: dik ta’ San Ġużepp. Din il-festa ilha tiġi ċelebrata f’dan il-lokal għal aktar minn 500 sena. Fil-fatt insibu li fl-1508 din il-festa ġiet iċċelebrata b’Solennita għal ewwel darba.
Fir-Rabat għandna mwaqqfa l-eqdem Fratellanza ta’ Malta, din hi l-Arċikonfraternita ta’ San Ġużepp. Il-festa ta’ San Ġużepp tar-Rabat minn dejjem kienet popolari kemm mal-awtoritajiet governattivi kif ukoll ma’ dawk ekleżjastiċi. Hawnhekk nixtieq nagħmel referenza għal meta l-jum tad-19 ta’ Marzu kien mitlub li jkun jum ta’ Festa kmandata. Dan sar fl-1508 sena meta l-Kapitlu tal-Katidral flimkien mal-ġurati tal-Imdina ddikjaraw il-jum tad-19 ta’ Marzu bħala festa pubblika u kmandata għal Malta kollha. Dan sar 113-il sena qabel il-Knisja Kattolika ddikjarat dan il-jum bhala s-Solennita ta’ San Ġużepp.
Il-festa ta’ San Ġużepp minn dejjem kienet għal qalb il-poplu Rabti u dan narawh mill-bosta teżori li nsibu jżejnu lis-Santwarju Nazzjonali ta’ San Ġużepp u l-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesu. Għal jiem tal-festa ta’ San Ġużepp il-Knisja tkun armata b’damask mill-ifjen magħruf bħala tal-Palma, linef tal-ħġieġ tal-murano li huma prezzjużi ħafna, ventartali tal-fidda fosthom dak ta’ artal maġġur li d-disinjatur tiegħu huwa Abraham Gatt, ventartali ndurati, sett gandlieri għal kull artal u bosta teżori oħra. Pero fost dawn it-teżori ma nistgħux ma nsemmux l-istatwa ta’ San Ġużepp li tinħareġ ta’ kull sena fil-purċissjoni. Id-disinn tagħha sar mill-iskultur Ruman Luigi Fontana u ġiet maħduma ġewwa Marsilja. Din waslet Malta fl-1890 u ġiet regalata lill-Arċikonfraternita mill-Kan. Paolo Pullicino li kien benefattur kbir ta’ din l-imsemmija Arċikonfraternita. Ir-Rabtin urew kemm veru għandhom għal qalbhom lil San Ġużepp meta fl-1 ta’ Mejju 1963 tpoġġew żewġ kuruni tad-deheb u ħaġar prezzjuz miġbura mill-poplu Rabti. Din kienet saret fuq il-fossos tal-Furjana b’digriet mogħti mill-Q.T. il-Papa Piju XII.
Il-festi ta’ barra wkoll minn dejjem kienu meqjusa mill-aqwa. L-armar tat-toroq hu wieħed artistiku, rikk u antik. Nsibu xogħol ta’ wħud mill-awqa artisti li kellna f’pajjiżna bħal Karlu Darmanin, Anġlu Mallia, Wistin Camilleri, Carmelo Tonna u oħrajn. Sal-lum stess bosta armar antik għadu jiġi armat fosthom insemmu żewġ pilandri kbar ta’ ħdejn il-knisja, l-ark trijonfali b’żewġ faċċati, sett statwi mill-isbaħ u l-bqija.
F’din il-festa tagħti sehem attiv ħafna l-Banda L’Isle Adam li sa mit-twaqqif tagħha fl-1860 dejjem ħadet sehem. Din il-banda tferraħ it-toroq tal-madwar b’marċi brijużi u anke Palazzo Xara s-sede ta’ din il-Banda jkun imżejjen bil-libsa tal-festa. Dan il-Każin hu mimli wkoll b’opri t’arti u meqjus bħala wieħed mill-isbaħ u l-ikbar każini ta’ Malta.
Mela kif rajna l-festa ta’ San Ġużepp għalkemm ilha tiġi ċċelebrata għal aktar minn 500 sena għadha tgawdi popolarita kbira f’dawn il-gżejjer u tagħmel unur kemm lil min jorganiżżaha u lir-Rabtin ta’ riedha tajba.
|